Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECCs) huma korpi kkofinanzjati mill-UE li jipprovdu pariri u assistenza liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi f’xiri transfruntier fis-Suq Uniku. F’Marzu 2020 wieġbu 15,000-il mistoqsija tal-konsumaturi, li ħafna minnhom kienu relatati mal-impatt tal-coronavirus dwar servizz jew oġġett li xtraw. Dan hu madwar 5,000 mistoqsija aktar mill-istess xahar fl-2019. Ix-xejriet ta’ kull ġimgħa rreġistrati mill-bidu tas-sena żdiedu kontinwament minn nofs Frar. Iż-żoni ewlenin affettwati huma t-trasport tal-passiġġieri, is-servizzi ta’ akkomodazzjoni (bħal-lukandi u l-B&B), u l-pakkett tal-ivvjaġġar kollox inkluż; iżda ħafna setturi oħra tan-negozju qed jiġġeneraw ukoll mistoqsijiet tal-konsumaturi relatati mal-pandemija. Id-data hawn taħt hi dwar il-mistoqsijiet li waslu qabel l-1 ta’ April 2020 Il-Kummissjoni ħolqot paġna web multilingwi speċifika dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq ħafna minn dawn il-kwistjonijiet. Barra milli jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-konsumaturi, l-ECCs qegħdin javżaw lill-konsumaturi dwar prodotti farmaċewtiċi frodulenti, maskri protettivi u sanitizzaturi foloz u prattiki qarrieqa oħrajn relatati mal-COVID-19. Huma jinfurmaw b'mod regolari lill-awtoritajiet tal-konsumaturi nazzjonali u lill-Kummissjoni dwar il-prattiki qarrieqa li jidentifikaw. Aktar informazzjoni dwar l-azzjoni kkoordinata kontra negozjanti diżonesti li jimmiraw konsumaturi madwar il-coronavirus hija disponibbli hawnhekk. L-ECCs ikomplu jaħdmu mill-bogħod u jistgħu jintlaħqu permezz tas-sit web jew l-emails tagħhom. Dettalji disponibbli hawnhekk. Il-Kummissjoni tmexxi wkoll Pjattaforma għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim li tgħin lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsolvu t-tilwim tagħhom barra mill-qorti hawnhekk. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-konsumaturi biex jużawha jekk ma jkunux jistgħu jaslu għal tweġiba sodisfaċenti min-negozjant. 8 Pariri Bażiċi għal Xiri Online Aktar Sikur fi Żmien il-Coronavirus Oqgħod fuq mezzi uffiċjali ta’ informazzjoni dwar id-disponibbiltà, jekk ikun hemm, ta’ prodotti mediċi li jipprevjenu jew ifejqu l-coronavirus; Oqgħod attent għal dominji foloz li jistgħu jidhru leġittimi biex iqarrqu bik; Fittex l-informazzjoni dwar il-bejjiegħ eż. dettalji ta’ kuntatt, u għal reċensjonijiet affidabbli tal-konsumaturi dwar il-bejjiegħ; Aqra l-informazzjoni dwar il-kunsinna fuq is-sit web tal-kummerċjant u żomm f’moħħok li l-kunsinna f’dan il-perjodu tista’ tieħu aktar fit-tul minħabba d-diversi restrizzjonijiet fuq il-fruntieri; Aqra t-termini u l-kundizzjonijiet sew biex tevita li tisfa vittma ta’ nassa biex tabbona eż. meta tkun qed tabbona fi klassijiet ta’ fitness jew ta’ lezzjonijiet tal-lingwa online; Ħu ħsieb qabel ma ddaħħal id-dettalji personali tiegħek għall-ebda raġuni speċifika biex tikseb informazzjoni dwar prodott jew servizz; Segwi l-istruzzjonijiet dwar kif tuża prodott b’mod xieraq u ttestja fuq kampjun żgħir, jekk possibbli eż. prodotti taż-żebgħa tax-xagħar; Jekk ma tkunx sodisfatt bil-prodott, ftakar li fil-prinċipju, għandek id-dritt għall-irtirar u tista’ tirritorna l-oġġett fi żmien 14-il jum. Kuntest Iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jinsabu fl-Istati Membri kollha tal-UE, fin-Norveġja, fl-Iżlanda u fir-Renju Unit, tal-anqas sal-aħħar tal-2020. L-ECC-Net jeduka lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom permezz ta’ kampanji ta’ kwalità dwar il-benefiċċji tas-suq uniku fix-xiri transkonfinali u jgħinhom fit-tilwim transkonfinali. L-2020 hija sena speċjali fid-djarju tan-network peress li qed jiċċelebra l-15-il anniversarju tiegħu. In-network assista aktar minn miljun konsumatur minn meta twaqqaf; l-aktar fil-lingwa nattiva tal-konsumatur u mingħajr ħlas. Għal aktar informazzjoni dwar kif jaħdem l-ECC Net, il-kisbiet tiegħu u l-link għas-sit web tal-ECC tiegħek, ikklikkja hawn.